::MENU::





|
Intervista ma' Clayton Cassar
Introduzzjoni:
- Isem: Clayton Cassar
- Etá: 26
- Passatempi: Sajd u Rugby
- Ikel favorit: BBQ Rib Eye
- Posizzjoni: Software Developer
- Universitá/Kulleġġ: Universita ta Hertfordshire
Insiru nafu aktar lil Clayton Cassar:
- Barra r-Rugby x’kienu l-isports l-oħrajn li kont titħareġ fihom?
Meta kont żgħir kont nitħarreġ il-Water Polo u l-Futbol ma’ Birżebbuġa Waterpolo club u Birżebbuġa Windmills Football Clubrispettivament. Aparti dawn li semmejt prattikajt ukollHandball għall tliet snin sħaħ u għal dawn l-aħħar sitt snin qlibt l-isports għal Rugby.
- Kif beda l-interess tiegħek għall-logħba tar-Rugby?
Sħabi kienu ħajjruni nibda dan l-isports biex nibqa attiv matul il-waqfa tal-Handball li jkun hemm bejn staġun għal ieħor. Min hemm spiċċajt nibdel id-dixxiplina sportiva għal dik tar-Rugby. Minn dik il-ġurnata qatt l’hemm ma ħarist lura.
- Apparti r-Rugby għandek passatempi oħrajn?
Ir-Rugby jeħodli ħafna mill-ħin tal-ġimgħa iżda niprova nsib ħin għas-sajd, campings, u anki niprattika xi sports oħrajn.
- Kemm hija importanti d-dieta fl-isports li tilgħab inti? Iddiskrivi in-nutrijenti tal-ġurnata tal-logħba?
Dieta tajba hija importanti ferm. Għall-bidu ma kontx nagħtiha wisq importanza. Iktar kemm tieħu l-isports bis-serjeta tifhem il-benefiċċju tiegħu. Tgħallimt li trid tiekol kemm jista’ jkun affarijet naturali u mhux proċessati, li mhux tajjeb biss għat-taħriġ u biex tilgħab tajjeb, pero anke għas-saħħa inġenerali. F'perjodu fejn inkun qed nittrenja spiss, niffoka fuq ikel bħal tiġieġ, ħxejjex u ħut. Dawn kollha fihom ħafna proteini u karboidrati bil-qies sabiex l-irkupru tal-muskoli mit-taħriġ ikun ta’ malajr u b'mod effetiv. Għall-ġurnata tal-logħba nibda nipprepara minn ġurnata qabel, li jinkludi ħafna ilma sabiex tkun hydrated tajjeb. Apparti l-ilma niekol affarijiet ħfief bħal nejdu aħna ċerejali jew frott.
- Min kien l-iktar persuna li ispiratek fil-karriera tiegħek?
Bla dubju kien il-kowċ tan-nazzjonal Damien Neil li juri passjoni kbira fil-logħba. Il-kowċ kien jilgħab livell għoli tar-Rugby barra min Malta pero sfortunatament il-karriera spiċċatlu kmieni. Minn għand il-kowċ imsemmi hawn fuq tgħallimt ħafna kemm fuq id-dixxiplina tar-Rugby kif ukoll fil-valuri.
- Jekk il-ġurnata tal-logħob tkun is-Sibt, kif tkun imqassma l-ġimgħa ta’ taħriġ?
Normalment il-logħob ikunu nhar ta’ Sibt. Il-Ġimgħa tkun imqasma hekk, it-Tnejn u l-Erbgħa taħriġ ta’ nazzjonal. It-Tlieta u il-Ħamis taħrig tal-club li ddum madwar siegħa u nofs kull sezzjoni. Meta tkun qed toqrob il-logħba tan-nazzjonal, inżid darbtejn fil-ġimgħa sezzjoniet il-Gym qabel it-taħriġ jew filgħodu. Il-ġimgħa u il-Ħadd ikunu jiem ta rekupru u mistrieħ!
- Wara li ttemm il-karriera tiegħek bħala plejer tar-Rugby għandek interess li tibda tikkowċja?
Sa ftit żmien ilu ma kelliex il-ħsieb li nibda nikowċja, pero ġietni l-opportunitá li għall-ewwel darba ser nikkowċja bl-assistenza tażewġ kowċis oħra lit-tfal ta Birżebbuġa. Bis-saħħa tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u l-assoċjazzjoni tar-Rugby, intlaħħaq ftehim, sabiex nibdew forma ta’ akkademja tar-Rugby fil-lokalitá tagħna. Nisperaw li ikun hemm attendenza tajba, sabiex forsi xi darba niftħu klabb tar-Rugby fir-raħal tagħna.
- Liema huwa l-isbah mumenti tal-karriera tiegħek s’issa?
L-isbaħ mumenti ikunu żgur waqt il-logħob tan-nazzjonal. Dawk l-emozzjonijiet ta’ qabel il-logħba quddiem il-folla tan-nies kif ukoll waqt il-kant ta l-innu Malti. Mumenti li żgur li ma ninsijhom qatt u kull darba li nsemmihom iqabduni il-bard. Trid tgħaddi minn din l-esperjenza biex tifhem, li wara dak it-taħrig jirnexxielek tintgħażel u tirrapreáenta lil pajjiżek .... imprezzabli!
- X’parir tagħti lit-tfal u żgħażagħ biex jibdew jitħarġu għal dan l-isports li qed jikber f’Malta?
Jien naħseb li jekk xi ħadd jixtieq jipprova sports ġdid fejn tagħmel ħafna hbieb, tesperjenza sports sabiħ bi sfidi kbar filwaqt li tieħu pjaċir, bla dubju għandek tipprova r-Rugby. Wieħed m’għandux ikun impressjonat bil-logħob tar-Rugby li naraw fuq it televiżjoni. Dak huwa livell professjonali minn ta’ pajjiżna u mhux se tesperjenza dik l-intensitá. Fil-kas tat-tfal, il-logħob ikun kollu 'tag' rugby fejn kuntat bejn it-tfal ikun minimu. Nissuġerilhom jibdew ir-Rugby l-iskola jew fil-komunitá sabiex jifhmu iktar il-logħba u jekk jitħajru jistgħu jingħaqdu ma’ club.

Intervistat minn Bernard Farrugia
BACK >> 
|
|
|